“There is a budget coming in October and it’s going to be painful.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, fil-ġnien tal-uffiċċju tiegħu f’10 Downing Street, f’Londra, il-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer sostna li fil-baġit li ġej f’Ottubru se jkun wieħed li jweġġa’ ħafna.
Waqt li tkellem bla tlaqliq dwar il-problemi kbar li jeżistu, Starmer qal li, biex il-pajjiż ikun ekonomikament tajjeb, il-Gvern se jkollu jieħu deċiżjonijiet mhux popolari, inkluż li jżid it-taxxi u jqaċċat l-investimenti.
Hu tenna li dawn il-miżuri qed jittieħdu minħabba l-piż kbir li ħalla fuq l-ekonomija il-Gvern preċedenti Konservattiv, tant li ddeskrivihom bħala “black hole” ta’ tnejn u għoxrin biljun Sterlina.
Qal li b’din id-daqqa fl-ekonomija, il-Gvern ma kellux għażla oħra, għajr dik li jissikka ċ-ċintorin u jieħu miżuri ta’ awsterità fuq il-familji u n-negozji Britanniċi, mhux l-inqas dawk li jaqilgħu l-aktar.
“We have no other choice given the situation that we’re in, those with the broadest shoulders should bear the heavier burden.”
Sostna li l-poplu jrid iġorr il-piż għal perjodu qasir biex terġa’ tkun b’saħħitha l-ekonomija tal-pajjiż.
Ir-Renju Unit, bħal numru ta’ stati oħrajn fil-kontinent, qed jiffaċċja problemi serji ekonomiċi, li nħassu iżjed kemm wara s-snin bl-isfida tal-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll bil-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.
Sadanittant, l-istazzjon nazzjonali l-BBC irrapporta li, minn Ottubru li ġej ukoll, il-kontijiet tal-enerġija fir-Renju Unit se jkunu qed jiżdiedu b’mija u disgħa u erbgħin Sterlina jew għaxra fil-mija għal kull familja fuq perjodu ta’ sena.
Dan se jfisser li ċittadini fir-Renju Unit se jħallsu aktar minn elf u seba’ mitt Sterlina fis-sena bħala medja għall-kontijiet tad-dawl u l-gass.
Skont il-BBC, din iż-żieda se taffettwa lil madwar sebgħa u għoxrin miljun residenza fir-Renju Unit.