L-Awtorità tal-Ippjanar issospendiet id-deċiżjoni għall-iżvilupp ta’ blokka ta’ seba’ sulari bi tmienja u erbgħin appartament f’Sa Maison, minflok dik li kienet id-dar tal-anzjani.
Minkejja li l-proġett kien irrakkomandat għall-approvazzjoni, il-bord tal-awtorità ddeċieda li jissospendi l-proċess wara numru ta’ oġġezzjonijiet mir-residenti tal-madwar, li rrimarkaw li l-iżvilupp hu wieħed esaġerat u li kien se jżid il-problemi fl-akwata, inkluż fil-parkeġġi.
Il-Perit tal-proġett, Michael Anastasi, spjega li l-iżvilupp propost kien se jħalli inqas impatt mill-binja eżistenti, waqt li parkeġġi mhux se jkunu problema minħabba spazju adegwat li qed jiġi propost taħt l-art.
Il-każ ġie sospiż sakemm il-Perit jikkonsulta mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Enemalta biex isiru disinn aktar addattat għall-iżvilupp.