Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, ippubblikat żewġ affidavits tal-professjonisti tagħha, li jikkonfermaw li, fl-ebda ħin, ma skoraġġew lil Nicolette Ghirxi milli tagħmel il-proċedura tar-risk assessment.
L-FSWS kienet qed tirreaġixxi għal dak li ġie allegat minn persuni qrib il-vittma tal-omiċidju fil-11 t’Awwissu li għadda, li tkellmu mal-gazzetta The Sunday Times. Fuq dan rikbet ukoll l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija kien gideb dwar il-każ.
Fl-affidavits, iż-żewġ Risk Assessors fi ħdan l-FSWS, Pavel Cuschieri u Jodie Baldacchino, jispjegaw kif fid-data tat-22 t’April li għadda, fit-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, Ghirxi kienet irrapportat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana lill-eks-sieħeb u l-eventwali qattiel tagħha, l-Irlandiż Edward William Johnston, kien jinsab f’pajjiżu.
Kif titlob il-proċedura, il-professjonisti pproċedew biex jindikaw lil Ghirxi s-servizz offrut u, jekk taċċetta, jibda mill-ewwel l-assessjar tar-riskji. Dan sar fil-preżenża ta’ żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Waqt li fehmuha x’jinvolvi r-risk assessment, Ghirxi ddikjarat b’mod ċar li ma ħassithiex f’xi tip ta’ riskju, għax skontha r-rapport kien wieħed ta’ fastidju u insulti. Skont l-affidavits, il-mara rrifjutat dan aktar minn darba.
Kif titlob il-proċedura stabbilita, peress li l-vittma rrifjutat l-assessjar, Ghirxi kellha timla formola fejn minn jeddha kitbet dan il-kliem: “Presently I don’t think I am at risk. My report is based on insults and harassment. If anything, new comes up, I will report. ”
“Presently I don’t think I am at risk. My report is based on insults and harassment. If anything, new comes up, I will report. ”
Hawn iż-żewġ professjonisti informawha wkoll li, kemm-il darba tbiddel fehemtha, setgħet xorta waħda tirrikorri għar-risk assessment.
Sadanittant l-FSWS innotat wkoll li r-rapport tas-Sunday Times m’għamel l-ebda referenza għall-istatistika dwar persuni, li jagħżlu li ma jagħmlux r-risk assessment, minkejja li dan it-tagħrif kien mitlub mill-gazzetta stess.
L-entità governattiva temmet tgħid li tinsab lesta li tikkopera ma’ kull inkjesta u investigazzjoni, li tfittex li teżamina l-ħidma tagħha inġenerali kif ukoll fuq dan il-każ partikolari.