Il-Gvern permezz tal-Ministru għall-Politika Soċjali se jaħtar Bord ta’ Inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti sabiex jagħmel stħarriġ u eżami tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-każ tas-Sa Nicolette Ghirxi.
Fi stqarrija, it-Tlieta waranofsinhar, intqal li l-Bord se jitmexxa mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.
Intqal li dan il-bord se jiddetermina l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha dwar x’għajnuna professjonali ngħatat is-Sa Ghirxi kull meta talbet, jew ġiet riferuta għal tali għajnuna lis-servizzi soċjali ta’ vjolenza domestika, inkluż dwar il-proċedura tar-risk assessment.
Dan il-Bord għandu wkoll jirrakkomanda jekk hemmx il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ulterjuri fl-operat tas-servizzi soċjali li jingħataw lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Din l-inkjesta se ssir b’żieda ma’ dik li qed issir mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, li qed iwettaq analiżi in vista tad-delitt tas-Sa Nicolette Ghirxi, li seħħ it-Tnejn 12 ta’ Awwissu 2024.
Il-Bord qed jingħata erba’ xhur sabiex jissottometti r-rapport tiegħu, filwaqt li l-ministeru huwa kommess li jippubblika r-rapport ta’ inkjesta.