Sajjetta fil-bnazzi għal familja Żebbuġija wara traġedja f’Ħal Qormi. Dan hekk kif anzjana ta’ 77 sena minn Ħaż-Żebbuġ, sfortunatament, tilfet ħajjitha wara li ttajret minn vann f’Ħal Qormi.
L-aċċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn nieqes kwart ta’ waranofsinhar fi Triq l-Isqof Scicluna.
L-anzjana kienet it-tieni vittma fil-jum tat-Tlieta, hekk kif aktar kmieni filgħodu Malta nħasdet b’mewt oħra fit-toroq ta’ pajjiżna.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, hekk kif kien l-ewwel fuq il-post tal-aċċident, jidher li l-mara kienet qed taqsam it-triq u ttajret minn vann tal-għamla Isuzu NQR misjuq minn raġel ta’ 34 sena mill-Birgu.
Dan bil-konsegwenza li l-anzjana spiċċat mgħaffġa taħt l-istess vettura u mietet fuq il-post.
Numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija nġabru fuq is-sit tal-aċċident, flimkien ma’ tim mediku, li ssejjaħ ukoll fuq il-post. Kawża t’hekk ingħalqet ukoll it-triq.
Ix-xufier tal-vann ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għall-osservazzjoni minħabba x-xokk qawwi li kien qed isofri.
L-Ispettur Wayne Bonello qed imexxi l-istħarriġ tal-Pulizija, waqt li l-espert mediku Edward Cherubino u l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg tqabbdu bħala parti mill-inkjesta ordnata mill-Maġistrat Joe Mifsud.