Il-grupp Oasis, li kien tant famuż b’mod partikolari fid-disgħinijiet, se jerġa’ jingħaqad mill-ġdid wara aktar minn 15-il sena mifrudin. L-aħbar, li entużjażmat lil eluf kbar ta’ ammiraturi, ingħatat it-Tlieta filgħodu fuq il-midja soċjali mill-aħwa Liam u Noel Gallagher infushom, il-moħħ wara l-band.
Sa minn tard il-Ħadd filgħaxija tqajmu ħafna spekulazzjonijiet mill-midja internazzjonali dwar jekk din ir-rock band famuża kinitx qed tippjana li terġa’ tingħaqad, wara li l-aħwa tellgħu ħin u data speċifika tal-lum biex ħolqu antiċipazzjoni kbira fost is-segwaċi tagħhom.
Fil-fatt puntwali mal-ħin, ingħatat l-aħbar ta’ tour li se jara l-band tirritorna fuq il-palk għal tour, li se jsir is-sena d-dieħla, fl-Ingilterra u l-Irlanda.
L-aħbar ħarġet ukoll waqt li Liam Ghallager innifsu, bil-band tiegħu, diġà ħabbar li se jkun qed jagħti sensiela ta’ kunċerti f’pajjiżna fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali bejn id-dsatax u t-tnejn u għoxrin ta’ Settembru li ġejjin.
Eluf ta’ ammiraturi minn madwar id-dinja ilhom is-snin jittamaw li jerġgħu jaraw l-aħwa jdoqqu flimkien wara li l-grupp ikoniku kien infired kawża ta’ differenzi kbar bejniethom li faqqgħu f’kunċert li kienu qed jagħtu fi Franza fl-elfejn u disgħa.
Il-grupp, li nħoloq fl-elf, disa’ mija, wieħed u disgħin, ipproduċa numru ta’ suċċessi kbar fix-xena mużikali, bħal ‘Don’t Look Back in Anger’, ‘Wonderwall’ u ‘Champagne Supernova’, fost ħafna oħrajn.