Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Unjoni Ewropea laħqet il-mira ta’ 90% fil-kapaċità tagħha ta’ ħażna ta’ gass bi tħejjija għax-xitwa, perjodu fejn l-Ewropej jużaw aktar l-elettriku minħabba l-kesħa qalila li joffri dan l-istaġun, partikolarment fin-naħa ta’ fuq.
Din il-mira ntlaħqet għaxar ġimgħat kmieni, peress li l-Unjoni Ewropea kienet qed tbassar li jkollha dan l-ammont fil-provvista lest sal-ewwel ta’ Novembru li ġej.
Il-kapaċità ta’ 90% tfisser li din tinkludi terz tad-domanda għall-gass fost il-pajjiżi kollha membri matul il-perjodu xitwi.
L-Unjoni Ewropea spiċċat fi kriżi fil-provvista tal-enerġija tagħha mindu seħħet l-invażjoni fl-Ukrajna mir-Russja fi Frar tal-2022.
Sa dak iż-żmien il-maġġoranza tal-provvista tal-gass Ewropea kienet ġejja mir-Russja, iżda Moska għalqet kompletament is-sors ewlieni b’ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea kawża tal-istess gwerra.
Dan wassal ukoll biex il-prezzijiet tal-enerġija splodew fl-Unjoni Ewropea kollha, b’piżijiet esaġerati fuq il-popli kollha, b’negozji jfallu u familji li saħansitra kellhom jagħżlu li jixtru l-aktar affarijiet bażiċi minflok.
Bil-maqlub, minn dak iż-żmien, il-Gvern Malti, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, kien iddeċieda li ma jimponiex tali piżijiet fuq il-familji u n-negozji lokali billi żamm stabbli l-prezzijiet kollha tal-enerġija, inkluż tal-elettriku u l-fjuwils, permezz tas-sussidji multi-miljunarji.
Din is-sena waħedha, se jiġu investiti mat-tliet mija u ħamsin miljun ewro għal dan il-għan.
L-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea kollha li għamel dan, bir-riżultat li l-ekonomija kompliet tikber b’saħħitha, bil-maqlub ta’ stati oħrajn, li qed jiffaċċjaw diffikultajiet serji bil-konsegwenzi ta’ piżijiet addizzjonali fuq il-popli rispettivi.