Waqt li s-sebgħa u għoxrin stat fl-Unjoni Ewropea fadlilhom ċans sal-aħħar ta’ dan ix-xahar biex iressqu ’l quddiem in-nominat tagħhom għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew, rapporti fil-midja internazzjonali rrapportaw kif, s’issa, 22 Gvern ressqu l-ismijiet tar-rappreżentanti tagħhom b’mod formali.
Fost dawn hemm Glenn Micallef, l-eks Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u x-SHERPA ta’ pajjiżna, li x-xahar li għadda ġie nnominat mill-Gvern Malti.
Il-ħames pajjiżi li għadhom m’għaddewx in-nomina formali tagħhom huma l-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Italja u l-Portugall.
Il-Ġermanja ma setgħet tinnomina lil ħadd, ladarba Ursula von der Leyen reġgħet ġiet approvata mill-Parlament Ewropew biex isservi għat-tieni terminu tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan japplika wkoll għall-Estonja, hekk kif l-eks Prim Ministru Kaja Kallas ġiet innominata biex tkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika ta’ Sigurtà.
Hu mifhum li bħalissa l-President tal-Kummissjoni Ewropea qed tiltaqa’ man-nominati bil-għan li tibda tqassam il-portafolli.
Kull nominat għal Kummissarju jrid imur quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew għall-“grilling” bejn Settembru u Ottubru li ġejjin. Wara dan, il-Parlament Ewropew jivvota b’mod kollettiv fuq il-formazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea u mill-ewwel ta’ Novembru tiftaħ il-leġiżlatura l-ġdida li sservi sal-2029.
Fid-diskors tagħha f’Lulju li għadda quddiem il-plenarja fi Strassburgu, Von der Leyen qalet li trid Kummissjoni ugwali fl-ammont ta’ rġiel u nisa, iżda dan ma jidhirx li se jseħħ, hekk kif s’issa hemm biss seba’ nisa nnominati mill-istati Ewropej.
Fil-prijoritajiet tagħha għall-ħames snin li ġejjin, hi wkoll spjegat li se jkun hemm Kummissarju ġdid dwar ir-Reġjun tal-Mediterran.
Din l-idea feġġet waqt il-laqgħa tal-MED9 f’pajjiżna f’Settembru tas-sena l-oħra. Dan bil-għan li tingħata importanza ferm akbar lil dan ir-reġjun, b’pajjiżna fil-qalba tiegħu.