Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, żammet mat-tradizzjoni waqt il-festa ta’ San Ġiljan, il-patrun tal-kaċċaturi kollha, hekk kif membri tagħha sparaw skarataċ vojta minn fuq il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġiljan.
Din it-tradizzjoni ta’ tiri sparati mill-kaċċaturi tmur lura għall-elf disa’ mija, ħamsa u tmenin – disgħa u tletin sena ilu – meta bdiet minn żewġ persuni, Aldo Azzopardi u Ninu Dalli. Minkejja dan, sa minn żmien il-Kavallieri kienet tiġi sparata forma ta’ musketterija għall-okkażjoni.
Mariah Micallef, waħda mill-kaċċaturi li ħadet sehem fit-tradizzjoni tal-Ħadd, stqarret kif din ukoll daħlet fil-kalendarju personali tagħha.
“U għoġbitna, inħossuna qegħdin f’komunità man-nies, li huma bħalna. Ili nipprattika l-kaċċa ma’ missieri qiesu sentejn u dejjem niġi għall-kaċċa ma’ missieri u allura qiesni dejjem trabbejt fiha ”
Stqarrija tal-FKNK qalet kif, ta’ kull sena, dan ir-ritwal jiġi ddedikat lil xi ħadd partikolari wkoll bis-salut ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda sar għal wieħed mill-fundaturi tal-għaqda u eks President tagħha, Joseph Scicluna, li miet nhar l-erbatax t’Awwissu li għadda fl-għomor ta’ tnejn u disgħin sena.
Kif sar anke fl-aħħar disa’ snin, għal din l-okkażjoni, l-FKNK irrilaxxat ukoll numru ta’ gamiem, li jkun trabba minnha bħala parti minn proġett għall-konservazzjoni tal-ispeċi.