Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li mill-ewwel ta’ Settembru, se jerġgħu jiddaħħlu r-restrizzjonijiet fuq il-likwidi fil-hand luggages fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea.
Il-miżuri temporanji se jirrikjedu li l-likwidi kollha għandhom ikunu inqas minn mitt millilitru u għandhom ikunu mpoġġija f’borża tal-plastik trasparenti, qabel ma jgħaddu mis-sikurezza ta’ kull ajruport tal-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni waslet għal twaħħil ta’ magni tal-iskennjar C3 mill-ġdid għall-hand luggage.
Ir-regolamenti l-ġodda se japplikaw fl-ajruporti kollha tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk b’sistemi li jiskennjaw għal tipi ta’ splussivi għall-bagalji, li qabel kienu jħallu lil kull min jivjaġġa li jġorru likwidi li jaqbżu l-mitt millilitru.
Minbarra r-restrizzjonijiet dwar il-likwidi fil-bagalji, il-Kummissjoni Ewropea ntroduċiet ukoll linji gwida għall-bagalji tal-kabina, biex il-piż ma jaqbiżx il-massimu ta’ għaxar kilogrammi. Wieħed jista’ jkollu wkoll basket żgħir ma’ oġġett personali żgħir.
Il-bagalji bil-mankijiet u r-roti ma għandhomx jaqbżu l-55 x 40 x 20cm, filwaqt li l-oġġetti personali ma għandhomx ikunu akbar minn 40 x 30 x 15cm. L-oġġett personali, bħal handbags, backpacks, jew basktijiet tal-laptops irid jiddaħħal taħt is-seat ta’ quddiem il-passiġġier.
Dawn il-miżuri kienu diġà applikati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u kull linja tal-ajru tista’ tagħmel aktar restrizzjonijiet kif jidhrilha, sakemm iżomm mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea.