Il-Partit Nazzjonalista ddikjara li huwa kontra t-tneħħija ta’ immigranti irregolari mill-pajjiż meta ma jikkwalifikawx għall-ażil.
F’kummenti mat-Times of Malta, ix-Shadow Minister Nazzjonalista ħareġ kontra d-detenzjoni ta’ grupp ta’ immigranti irregolari mill-Etjopja li fl-aħħar jiem ġew miżmuma mill-Pulizija hekk kif feġġ prospett ta’ ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Dawn il-persuni kollha kienu daħlu fil-pajjiż b’mod irregolari u applikaw għall-ażil, liema talba baqgħet qatt ma ġiet emmnuta jew milqugħa.
Mat-Times of Malta, il-Ministeru tal-Intern kien sostna li l-Awtoritajiet joffru pakkett ta’ ritorn volontarju lil dawk kollha li t-talba tal-azil tagħhom ma tkunx ġiet milqugħa. Madankollu, dawk li ma jikkoperawx mal-Awtoritajiet, u ma jaċċettawx ritorn volontarju, jistgħu jitneħħew mill-pajjiż b’mod sfurzat.
Spjegaw ukoll li dan l-eżerċizzju seħħ anki wara ħidma tal-Unjoni Ewropea marbuta mar-ritorn ta’ persuni li ma jkunux kwalifikaw għall-ażil.
Esperti fil-qasam dejjem sostnew li meta pajjiż iwaqqaf ir-ritorn ta’ persuni li ma jkunux ħadu l-azil, l-istess pajjiż ikun qiegħed jinkoraġġixxi aktar traġitti illegali li matulhom aktar immigranti ekonomiċi jissugraw ħajjithom għalxejn f’suq li huwa ddettat mit-traffikanti tal-bnedmin.
Huwa mifhum li traffikanti tal-bnedmin jippruvaw jipperswadu lill-immigranti sabiex jirriskjaw ħajjithom permezz ta’ vjaġġ fil-baħar, li wassal għal eluf ta’ mwiet fil-baħar Mediterran fl-aħħar snin.
Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista attakka l-awtoritajiet tb’rabta mal-Immigrazzjoni irregolari.
Ftit tas-snin ilu, esponenti Nazzjonalisti kienu fetħu kwerela fuq diversi suldati mill-Iskwadra Marittima bil-għan li jipprova jitfagħhom il-ħabs.
Dakinhar inkjesta kienet ikkonkludiet li dawn is-suldati aġixxew b’mod professjonali u korrett. Il-Partit Nazzjonalista għadu sal-lum ma talabx skuża lil dawn is-suldati.