F’intervista l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela irrimarka l-prinċipji li jixprunaw il-ħidma tal-Gvern fejn jidħol l-infurzar, fid-diversi aspetti tiegħu.
ROBERT ABELA – PRIM MINISTRU
“It-tkabbir ekonomiku irid isir b’mod li huwa sostenibbli fil-parametri tar-regolamenti eżistenti u jien ma nitkellimx dwar tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox anzi rrid ikun tkabbir ekonomiku li jirrispetta lil kulħadd. Jekk issaqsi lili filwaqt li rrid nara li n-negozji tal-ospitalità tagħna, tar-ristoranti u l-bars, li jibqgħu jagħmlu profitti tajbin imma dak ma tagħmlux a skaptu ta’ min huwa miexi fit-triq jew jekk trid tgħaddi ambulanza jew servizzi oħrajn ma jistgħux jgħaddu iġifieri jien nemmen fil-bilanċ.”REKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem fil-kuntest ta’ każ fl-aħħar ġranet, fejn xi mwejjed u siġġijiet ostakolaw triq minn fejn kellha tgħaddi ambulanza.
Hawn irrimarka kif l-awtoritajiet aġixxew b’mod immedjat f’dan il-każ filwaqt li spjega kif qed jaħdem l-infurzar b’rabta mal-imwejjed u s-siġġijiet f’ħidma minn entitajiet diversi.
Hu stqarr kif l-ewwel qed tinħareġ twissija lil dawk li ma jkunux konformi mal-liġi, imbagħad jekk wieħed ma jirregolax ruħu, jittieħdu mizuri ta’ infurzar kontrih. Dan apparti s-sorveljanza li ssir b’mod regolari.
L-istess prinċipji tal-bilanċ u r-rispett, xprunaw l-azzjoni li ttieħdet fejn jidħlu l-ħaddiema barranin li jaħdmu bħala food couriers jew xufiera tal-Y-Plates, iżda mhux biss.
ROBERT ABELA – PRIM MINISTRU
“Il-bon ordni timxi f’kull settur li qegħdin nitkellmu dwaru jekk hux fuq is-settur tal-kostruzzjoni fejn għamilna numru ta’ miżuri f’dawn l-aħħar xhur, jekk hux qed titkellem fuq iż-żamma diċenti ta’ livelli ta’ mużika fl-istabbilimenti kummerċjali.”
Il-Prim Minstru estenda dan is-sentiment ukoll fejn tidħol l-indafa pubblika, u sellem il-ħidma tal-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.