Il-Partit Nazzjonalista ma onorax estensjoni ta’ żmien biex jissottometti l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu bi ksur sfaċċat tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Il-Maltatoday żvelat kif wara li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ssottomettiex lill-Kummissjoni Elettorali, il-kontijiet finanzjarji għas-snin 2021, 2022, 2023 u r-rapport tad-donazzjonijiet għas-snin 2022 u 2023, fuq l-2021 kien ingħata estensjoni sal-4 ta’ Awwissu li għadda.
Tliet ġimgħat wara, issa hu magħruf li l-Partit Nazzjonalista lanqas l-estensjoni li ngħata għas-sena 2021 baqa’ ma onora, minkejja dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u s-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, li l-Partit Nazzjonalista se jonora l-obbligi legali tiegħu.
Il-MaltaToday fakkret kif il-Partit Nazzjonalista kien injora lill-Kummissjoni Elettorali ħames darbiet għal notifiki li ntbagħtulu biex jirregola ruħu.
Biex issa t-total tela’ għal sitt darbiet li l-Partit Nazzjonalista injora lill-Kummissjoni Elettorali meta lanqas l-estensjoni li ngħata issa ma onora.
Protest ġudizzjarju kienu fetħu wkoll aktar kmieni din is-sena, dak iż-żmien il-kandidati Laburisti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Daniel Attard u Marija Sara Vella, li talbu biex il-Partit Nazzjonalista jirregola ruħu mal-liġi.
Il-Partit Nazzjonalista għandu wkoll estensjonijiet oħra biex jissottometti dak mitlub bil-liġi favur trasparenza fil-finanzjament tal-partiti għas-snin 2022 u 2023.
Kemm ilu Kap Bernard Grech għal sena sħiħa, il-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma ppreżenta l-kontijiet finanzjarji awditjati tiegħu, bil-Kap iġib skużi differenti, fosthom li ma sabx awditur.
Li l-Partit Nazzjonalista qed isib diffikultajiet biex isib il-professjonisti kellu jammettiha Bernard Grech innifsu, wara li kien gideb u qal li l-kontijiet preżentahom, xi ħaġa li ma kinitx minnha.
BERNARD GRECH – KAP TAL-PN
“Ikun hemm kultant kumplikazzjonijiet, ħafna drabi jkunu ħmerija, ikollok bżonn awditur u ma ssibx awditur mill-ewweL u allura ċerti commitments ma tagħmilhomx fil-ħin.”