Bħala parti mill-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, f’Ħal Tarxien qed isir restawr fuq il-kappella ta’ San Ġużepp u l-Bazaar tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide.
Iż-żewġ binjiet ilhom mibnija mill-elf, tmien mija u erbgħa u sebgħin, biex joffru servizzi reliġjużi u soċjali għall-komunità.
Dan il-proġett ta’ restawr qiegħed jitwettaq mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u huwa ppjanat li jitlesta sa Novembru li ġej.
Ix-xogħlijiet jinkludu restawr tal-faċċata tal-kappella, il-faċċata u l-loġġa tal-Bażaar, il-kampnar, l-istatwa ta’ San Ġużepp u anke l-istrutturi fil-livell tas-saqaf.
L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa biex jiġu ppreservati l-integrità arkitettonika u l-valur storiku ta’ dawn il-binijiet, kif spjega l-perit Stephan Serracino Inglott.
“Qiegħed isir ukoll ir-restawr tal-loġġa, il-balavostri ta’ fuq il-bazaar kif ukoll numru ta’ elementi oħra bħal aperturi tal-injam qed jiġu kollha restawrati biex nagħtu l-integrità u dehra originali tal-post.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici, qal li żoni bħal dawn, li jirrikjedu konservazzjoni ta’ wirt kulturali, huma kruċjali biex jiġi assigurat li l-istorja u l-identità tagħhom jibqgħu ħajjin.
“Din hija struttura mill-isbaħ li għandha ħafna interess arkitettoniku, però iktar minn hekk, interess soċjali għaliex minn din il-binja apparti li għandha skop reliġjuż, ukoll isir il-bazaar li jinfetaħ darbtejn fil-ġimgħa li hu ferm popolari ħafna man-nies ta’ Ħal Tarxien u lil hinn.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, stqarret li permezz ta’ din l-iskema, qed jintlaħqu diversi postijiet storiċi u kulturali għaliex proprju l-kunsilli stess qed iressqu ’l quddiem il-proposti tagħhom għax-xogħolijiet ta’ restawr madwar l-irħula u l-ibliet.