L-awtur u artist Malti Joe Sacco, li ilu għexieren ta’ snin jikseb rikonoxximent internazzjonali permezz tal-karikaturi politiċi tiegħu, inkluż dwar il-konflitt twil fil-Lvant Nofsani, qed jisfida l-perċezzjoni tas-segwaċi tiegħu b’pubblikazzjoni ġdida li, fl-aħħar xhur, bdiet tiġbed attenzjoni kbira fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Sacco, magħruf għal xogħlijiet artistiċi bħall-pubblikazzjoni bl-isem ta’ ‘Palestine’ fl-1996 u ‘Footnotes in Gaza’ tal-2009, fil-bidu ta’ din is-sena imbarka fuq proġett ġdid dwar ir-reati li qed iseħħu fuq il-poplu Palestinjan.
Is-serje l-ġdida ta’ karikaturi bla kulur ukoll dwar il-konflitt imdemmi Palestinjan ingħatat l-isem ta’ ‘The War on Gaza’ u qed tiġi ppubblikata b’xejn fuq is-sit The Comics Journal. Hawn Sacco jagħti l-veduti tiegħu dwar l-aħħar vjolenza, li bdiet f’Ottubru tal-2023, fil-konflitt twil fil-Lvant Nofsani, li jmur lura għall-1948.
Sacco jgħid li jara s-sitwazzjoni f’Gaza bħala ġenoċidju u jemmen li l-Istati Uniti u ħafna pajjiżi tal-Punent huma wkoll kompliċi f’dak li għadu jseħħ.
Sacco, li ggradwa fil-ġurnaliżmu, twieled f’Malta fl-1960, iżda ta’ età żgħira ħafna emigra mal-familja tiegħu lejn l-Awstralja u sussegwentement lejn l-Amerka fl-1972 fejn għadu jgħix sal-lum.
L-ewwel ktieb tiegħu, ‘Palestine’, li kien beda bħala serje ta’ comics perjodiċi fil-bidu u nofs id-disgħinijiet, rebaħ l-American Book Award fl-1996 u hu meqjus bħala klassiku fil-ġeneru tiegħu.
L-interess għal dan il-ktieb ta’ karikaturi reġa’ tqajjem wara l-bidu tal-aħħar konflitt Palestinjan, tant li d-dar tal-pubblikazzjoni Fantagraphics Books qed tippjana li toħroġ verżjoni hardbound f’Settembru li ġej.