Bdew xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr fuq il-Knisja ta’ San Bartilmew jew ta’ San Bert, kif magħrufa wkoll fiż-Żurrieq fejn insibuha fiż-żona Tax-Xarolla.
Il-proġett mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, fost numru sinifikanti li qed jitwettqu, għandu wkoll l-għan li jirritorna l-Knisja l-eqreb tal-istat oriġinali tagħha. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Frar tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, stqarr li nħass li dan il-proġett hu essenzjali biex jibqa’ protett il-wirt storiku nazzjonali u biex ikun ippriservat għall-ġejjieni.
Qal, “Il-Knisja ta’ San Bert, hi waħda mill-aktar knejjes li huma sbieħ, li għandha kemm esterjuri u interjuri partikolari minħabba l-preġji arkitettoniċi tagħha. Din il-knisja se tiġi rrestawrata biex tingħata lura l-glorja li kellha fiż-żmien biex tintuża aħjar mill-komunità taż-Żurrieq.”
Ix-xogħlijiet se jinkludu diversi interventi, fosthom iż-żebgħa tal-aperturi kollha tal-knisja, ir-restawr tal-bieb prinċipali u xogħlijiet fuq il-bejt u l-koppla.
Minbarra hekk, il-faċċata tal-Knisja se jkollha wiċċ ġdid b’taħlita bbażata fuq il-ġir, li ntagħżlet biex taqbel mal-kulur tal-ġebla oriġinali, waqt li se jinbidel il-ġebel fejn meħtieġ, minħabba li laħaq iddeterjora.
Il-Perit tal-proġett Mark Azzopardi kompla jispjega dan ix-xogħol.
Stqarr, “Ix-xogħol li qiegħed issir hawnhekk hu xogħol ta’ prevenzjoni, l-idea hi li bi ftit maintenance u ftit interventi, issa nkunu nistgħu nagħmlu żgur li ma ssirx ħsara serja fis-snin li ġejjin. L-interventi se jkunu limitati, mal-qoxra ta’ barra fejn qed nitkellmu ħitan fejn bl-umdità qiegħed jibdew jinfetħu l-fili, mal-aperturi, kif ukoll mal-koppla u l-base, li minnha jidher sinjal li qiegħed jidħol l-ilma”.
Preżenti fuq il-post waqt din iż-żjara, kien hemm ukoll is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, membri tal-istess kunsill lokali u l-Arċipriet Fr Daniel Cardona.