Żewġ professjonisti oħra fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr ingħataw il-warrant mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt ċerimonja uffiċjali.
Il-warrant, li nħareġ għas-sitt darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, fisser li s’issa ċ-ċertifikat ingħata lil disgħa u ħamsin professjonist b’kollox biex ikunu regolati fil-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr f’pajjiżna.
Iċ-Chairperson tal-bord Dr Joseph Buttigieg qal kif l-istudju ma jiqafx wara li tirċievi ċ-ċertifikat.
Qal, “Il-fatt li tkun tqassam iċ-ċertifikat ma jfissirx li l-konservatur partikolari ma jibqax jistudja, għax il-liġi tobbliga li jrid jibqa’ jistudja u jagħmel ċertu numru ta’ sigħat kull sena ta’ studju professjonali kontinwu.”
Il-Ministru Bonnici spjega li, bis-saħħa ta’ dan il-warrant, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti, waqt li saħaq li x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu u etika.
Stqarr, “Bħala Gvern, kommessi li noħolqu aktar skemi u inċentivi biex ikun hawn aktar restawr ta’ wirt storiku f’pajjiżna, però hu importanti indaqs li min jagħmel ir-restawr ikun akkreditat u jkollu l-ħiliet meħtieġa biex b’hekk il-wirt storiku ta’ pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem.”
Il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul dan iż-żmien, tax-xogħol strumentali biex illum qed jiġu rikonoxxuti dawn il-professjonisti billi jingħataw warrant fil-konservazzjoni u restawr.
L-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li, biex persuna twettaq dan it-tip ta’ xogħol, jeħtieġ ikollha warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju, li jinħarġu skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi stess.
Permezz ta’ taqsimiet fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali stess u ministeri oħrajn, il-Gvern, attwalment, għaddej b’numru kbir ta’ proġetti ta’ restawr u konservazzjoni b’investimenti miljunarji biex jiġi protett il-patrimonju storiku kbir li ngawdu f’pajjiżna u b’hekk ikunu jistgħu jitgawdew minn diversi ġenerazzjonijiet tal-poplu Malti u anke dawk li jagħżlu li jżuru lil pajjiżna.