Sliema Frank Salt Real Estate huma ċ-champions tal-kampjonat Premier tas-sajf tal-waterpolo lokali meta fil-Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq l-erbgħa filgħaxija għelbu lil San Ġiljan JP Projects bl-iskor ta’ 15-12.
B’hekk Sliema ġew inkurunati champions wara assenza ta’ 15-il sena. Nhar it-Tnejn li għadda is-slimiżi kienu rebħu l-ewwel play off tal-finali bl-iskor ta’ 12-8 biex illum rebħu wkoll it-tieni play off biex aċċertaw mir-rebħ tat-titlu. Sliema li fil-logħba tal-lejla kellhom lil Dino Żammit nieqes wara li weġġa’ fil-logħba ta’ jumejn qabel.
Fit-tieni play off l-ewwel żewġ sessjonijiet intemmu fi draw, rispettivament ta’ 3-3 u 4-4. L-aħħar żewħ sessjonijiet intrebħu minn Sliema 4-3 u 4-2.
Ir-rebħa fil-Kampjonat BOV tal-Water Polo Premier ikkonsolida lil Sliema bħala l-aktar klabb tal-Water Polo ta’ suċċess fil-gżejjer tagħna hekk kif din ir-rebħa tat-32 kampjonat tal-ogħla diviżjoni fl-istorja tagħhom hija rekord għal Malta. Sliema kienu ilhom ma jirbħu l-kampjonat mill-2009.
Il-captain ta’ Sliema John Brownrigg irċieva t-tazza tal-Kampjonat BOV Premier talWater Polo Premier League f’isem sħabu mingħand Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta fil-preżenza ta’ Karl Izzo, President tal-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta u l-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Riżorsi u Innovazzjoni quddiem il-grupp kbir ta’ partitarji Sliema li ċċelebraw din ir-rebħa tant mistennija.
B’hekk it-tim slimiż dan l-istaġun kiseb id-double wara li ftit tal-ġimgħat ilu rebaħ il-kompetizzjoni Knock Out.