It-tim nazzjonali Malti tal-hockey jinsab fil-belt kapitali Irlandiża ta’ Dublin sabiex jieħu sehem fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni f’diviżjoni B tal-EuroHockey bejn għada u l-Ħadd li ġej.
Il-kowċ Chris Attard ħa miegħu skwadra ta’ 18-il plejer li jinkludu l-aħjar plejers lokali tal-hockey.
Id-diviżjoni B hi meqjusa bħala waħda ferm diffiċli fejn fiha hemm ukoll l-Irlanda li għadha kemm ħadet sehem fil-logħob Olimpiku ta’ Pariġi. Skwadri oħra b’saħħithom jinkludu wkoll it-Turkija, il-Polonja u l-Italja li flimkien mar-Repubblika Ċeka, Wales u Lussemburgu jiffurmaw din il-kategorija.
Malta tibda l-impenji tagħha għada b’logħba ferm diffiċli kontra l-Irlanda. Eventwalment il-plejers Maltin jilagħbu l-logħob ta’ klassifikazzjoni bit-tama li jiksbu post tajjeb f’din il-kompetizzjoni.