Il-magażin Ingliż IQ, li hu magħruf sew internazzjonalment fost dawk li jħobbu x-xena tad-divertiment, iddeskriva l-2024 bħala l-akbar sena għall-ispettakli f’pajjiżna.
Dan il-magażin, li jiġi ppubblikat tmin darbiet fis-sena, għandu ċirkolazzjoni ta’ madwar 10,000 persuna. Artiklu fl-aħħar ħarġa tiegħu jiffoka kompletament fuq Malta u l-avvenimenti li seħħew diġà fostna jew dawk li se jsiru dalwaqt.
Il-magażin qal kif pajjiżna s-sena li għaddiet organizza għadd ta’ spettakli, li attiraw mas-56,000 persuna, inkluż ħafna turisti, li ġġeneraw ftit inqas minn €52 miljun fl-ekonomija lokali.
Minkejja dan, IQ jisħaq kif din is-sena l-avvenimenti li saru s’issa u dawk li se jkunu qed iseħħu mistennija jiżbqu dawk tal-2023.
Jibda biex isemmi l-akbar avveniment b’xejn fl-Ewropa, l-Isle of MTV, li seħħ fuq il-Fosos tal-Furjana fis-16 ta’ Lulju li għadda, waqt li jsemmi kif, fost l-oħrajn, kien hemm mal-35,000 persuna preżenti għall-kunċerti tal-kantawtur Ingliż Ed Sheeran u mal-5,000 oħra għal dak tal-leġġendarju minn Wales, Tom Jones. Iż-żewġ kunċerti saru f’Ta’ Qali.
Dan flimkien ma’ spettakli oħrajn, bħal Glitch u SummerDaze, li saru fl-aħħar jiem, waqt li, fi ftit ġimgħat oħra, naraw fostna lill-grupp famuż Take That, fost l-oħrajn.
IQ saħaq kif, permezz ta’ dawn l-avvenimenti kollha fil-maġġoranza kkonċentrati fix-xhur sajfin, Malta qed tkompli ssir iżjed attraenti fost dawk li jfittxu tipi varji ta’ divertiment u jikkontribwixxu b’mod qawwi fl-industrija turistika nazzjonali.
Kitba ta’ Andre Mizzi