Riċerka internazzjonali minn Corporate Carbon Data, kumpanija ġdida li tevalwa l-livelli fl-arja tad-diossidu tal-karbonju, is-CO2, ħabbret kif tliet kumpaniji fil-produzzjoni tal-elettriku fl-Istati Uniti tal-Amerka kienu l-aktar responsabbli għat-tniġġis matul l-2021.
Dan minbarra li l-istħarriġ, fost ħamsa u tletin pajjiż avvanzat fid-dinja u tnax-il elf kumpanija responsabbli għal madwar sebgħa u għoxrin elf impjant jew faċilità, ikklassifika lill-Istati Uniti nnifsu bħala l-aktar pajjiż li jniġġes fid-dinja.
Il-kumpanija Amerikana Vistra, li tipproduċi madwar 41 Giga Watts ta’ enerġija, inkluż bin-nukleari, mill-44 impjant tagħha, kienet qed tipproduċi l-aktar tniġġis minn fjuwils fossili.
Miċ-ċifri tal-35 pajjiż, li inkludew ukoll 32 pajjiż Ewropew, pajjiżna ġie kklassifikat it-tieni l-inqas li jipproduċi tniġġis, kemm minħabba ċ-ċokon tiegħu, iżda wkoll għall-avvanzi li twettqu tal-aħħar snin, bħall-eliminazzjoni tal-użu tal-Heavy Fuel Oil mill-impjanti tal-enerġija u l-introduzzjoni tal-interconnector.
Hu biss il-Liechtenstein, li hu carbon neutral, b’riżultati aħjar minn tagħna.
Minbarra hekk, anke wara l-ġbir tad-dejta f’dan l-istudju internazzjonali, pajjiżna kompla jinvesti fil-qalba ambjentali, permezz tal-akbar pakkett finanzjarju approvat mill-Kummissjoni Ewropea, il-proġett tax-shore-to-ship, il-proċess għat-tieni interconnector ma’ Sqallija, il-proċess għall-impjant tal-Waste-to-Energy u anke l-inċentivi miljunarji biex il-familji u n-negozji jmorru għal sorsi alternattivi ta’ enerġija.