Mill-pajjiżi kollha membri fl-Unjoni Ewropea, Malta s-sena li għaddiet kellha l-ogħla rata ta’ persuni li ggradwaw u bdew jaħdmu fl-istess perjodu. Dan joħroġ mill-aħħar ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Mill-istatistika, jirriżulta li, fl-2023, Malta kellha rata ta’ sitta u disgħin fil-mija tal-istudenti li sabu jaħdmu mill-ewwel wara li ggradwaw.
Dan hu ferm ogħla mill-medja Ewropea ta’ inqas minn erbgħa u tmenin fil-mija. Differenza ta’ aktar minn tnax fil-mija favur l-istudenti f’pajjiżna.
Il-Eurostat qal li r-rata ta’ gradwati, li sabu mpjieg is-sena l-oħra, qabżet it-tmenin fil-mija f’aktar minn tnejn u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, waqt li fl-ewwel postijiet, wara Malta, ġew pajjiżi ferm akbar minna, bħall-Olanda u l-Ġermanja.
Jirriżulta wkoll kif ir-rata ta’ gradwati li sabu mpjieg f’pajjiżna kienet l-akbar waħda li qatt ġie rreġistrata sal-lum fl-istorja lokali. Dan grazzi wkoll għal investimenti bla preċedent, li baqgħu jiġu attirati fostna u offrew firxa wiesa’ ta’ opportunitajiet f’għadd ta’ setturi.
Imqabbel ma’ sena qabel, jiġifieri fl-2022, ir-rata ta’ pajjiżna telgħet bi kważi sitta fil-mija meta, f’dik is-sena partikolari, l-istudenti lokali li sabu mpjieg kienu laħqu inqas minn disgħin fil-mija, għalkemm xorta livell għoli ħafna.
Min-naħa l-oħra, l-aktar studenti gradwati li baqgħu ma sabux impjieg matul l-2023 kien dawk fl-Italja, b’mod partikolari, fejn ir-rata rreġistrata kienet inqas minn tmienja u sittin fil-mija.
B’dan ifisser li kważi terz tal-istudenti gradwati f’dan il-pajjiż ġar tagħna kienu fil-fatt qegħda.
Wara l-Italja, kien hemm il-Greċja, b’rata ta’ aktar minn tnejn u sebgħin fil-mija, u r-Rumanija, b’rata ta’ ftit inqas minn ħamsa u sebgħin fil-mija.