Nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru, il-Banda Vilhena tal-Furjana se ttella’ programm mużikali fit-Teatru Manoel bl-isem ta’ “150 Anniversarju: Kunċert Strumentali mill-Banda Vilhena”.
Dan il-kunċert se jsir hekk kif din is-sena qed ikun imfakkar il-150 anniversarju mit-twaqqif ta’ din il-banda.
Dan il-programm mużikali se jsir fit-Teatru Manoel, post li huwa msemmi għall-Gran Mastru Manoel de Vilhena, li għalih ukoll hi msemmija din il-banda Furjaniza.
Il-programm se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast u d-Direttur tas-Soċjetà Mro. George Debono, flimkien mal-bandisti, l-Amadeus Chamber Choir u t-tenur Brian Cefai bil-preżentazzjoni tas-Sinjuri George u Elisa Cassar.
Se jikkonsisti f’taħlita ta’ siltiet mużikali minn kompożituri klassiċi famużi, oħrajn kontemporanji kif ukoll siltiet li jappartjenu biss għall-Banda Vilhena.
Dan il-programm se jsir fit-22 ta’ Settembru, fis-sebgħa ta’ filgħaxija u kull min hu interessat għandu jikkuntattja lill-banda fuq l-indirizz societadevilhena@gmail.com jew jitkellem ma’ xi membru tal-kumitat.
Kitba ta’ Gabriel Portelli