Instabu żewġ katavri, mis-sitta li kienu nieqsa, hekk kif għereq jott fi Sqallija, it-Tnejn filgħodu, kawża tal-maltemp.
L-identità tagħhom għadha mhix magħrufa.
Avukat stabbilit fi New York u martu, li hija disinjatriċi tal-ġojjellerija, għadhom fost dawk irraportati nieqsa.
S’issa, mit-22 persuna li kienu abbord, ħmistax-il persuna ġew salvati, tliet persuni nstabu mejta, filwaqt li erba’ persuni għadhom ma nstabux.
Il-gwardja tal-kosta Taljana, qalet li l-jott għereq għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, qrib il-port ta’ Porticello, f’Palermo, fejn kien ankrat.
Abbord, kien hemm 10 membri tal-ekwipaġġ u 12-il passiġġier, fosthom Brittaniċi, Amerikani u Kanadiżi.
Skont l-eks ħaddiema fuq dan is-super jott, Monica Jensen, il-‘Bayesian’ kienet baħħret, fost l-oħrajn, f’Malta qabel l-2020 meta kien għadu proprjetà ta’ sid differenti. Wara, imbagħad, inbiegħ lill-multi-miljunarju Ingliż, Mike Lynch.
Hi qalet li ma tistax tifhem kif id-dgħajsa għerqet u qed tara li l-inċident hu wieħed stramb ħafna, aktar u aktar meta hi għandha esperjenza personali abbord tagħha meta kienu qasmu l-Atlantiku mill-Karibew għall-Ewropa u ltaqgħu ma’ maltemp qawwi wkoll.
Dan il-jott b’valur ta’ 30 miljun sterlina, li s-sid tiegħu huwa Mike Lynch, inqeleb wara tromba fuq il-baħar.
Lynch u bintu ta’ 18-il sena, huma wkoll fost dawk mitlufa u meqjusa mejta.