Analiżi tal-istħarriġ tal-Maltatoday skont l-etajiet turi li l-Prim Ministru jgawdi iktar fiduċja fost l-etajiet kollha.
L-istarriġ inqasam fi tliet kategoriji ta’ età differenti u f’kull waħda Simon Busuttil qiegħed wara Joseph Muscat. Iż-żgħażagħ huma l-iktar li qalu li huma indeċiżi jew li m’humiex se jivvotaw, però fost dawk li għandhom opinjoni ċara l-Prim Ministru jgawdi l-fiduċja ta’ 30.6% filwaqt li Simon Busuttil 26.4%.
Hemm baħar jaqsam meta wieħed jikkonsidra l-etajiet bejn 34 u 54 sena. Fejn il-Prim Ministru huwa fdat minn 40.3% taċ-ċittadini u Simon Busuttil 28.3% biss. Filwaqt li fost dawk fl-età minn 55 sena ‘l fuq Joseph Muscat huwa fdat minn 43.2% u Simon Busuttil 38.4%.
Dan iwassal biex b’mod globali l-Prim Ministru jikseb il-fiduċja ta’ 40.2%. Seba’ fil-mija iktar minn Simon Busuttil li jibqa’ jikseb riżultati agħar milli Lawrence Gonzi kien jikseb sena qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali fl-eqqel tal-kriżi politika.
Jekk wieħed iħares lejn il-Partit il-ġenerazzjoni żagħżugħa tippreferi lill-Partit Laburista kieku elezzjoni kellha ssir għada. L-istess dawk fl-età ta’ bejn l-34 u 54 sena li jippreferu b’saħħa lill-Partit Laburista. L-uniku sezzjoni fejn il-partiti jinsabu qrib ħafna ta’ xulxin hija din fl-età ta’ 55 sena ‘il fuq.
B’hekk il-Partit Laburista jgawdi vantaġġ ta’ 4% qabel l-elezzjoni ġenerali.