Fil-każ tal-Kolumbjan Fabian Medina Paira, li jinsab akkużat li pprova joqtol u kkawża ġrieħi gravi lil mara mill-Kolumbja wkoll nhar is-7 ta’ Awwissu li għadda max-xatt f’Paceville, xehdet il-vittma ta’ 25 sena li rrakkontat il-mumenti traġiċi ta’ dakinhar.
Il-mara, li ngħad li ma kinitx taf lill-allegat aggressur, kienet spiċċat fil-periklu tal-mewt wara daqqiet bi flixkun imkisser. F’seduta t-Tlieta filgħodu hi xehdet kif kienet marret ma’ tlett iħbieb tagħha l-baħar f’San Ġiljan kmieni filgħodu.
Spjegat li tnejn minn sħabha kienu laħqu telqu minn fuq il-post fil-ħin tal-inċident meta nnotaw imġieba stramba mill-aggressur li beda jitkellem waħdu, filwaqt li kien qed iħuf mal-bajja.
Meta hi u s-sieħeb tagħha niżlu jgħumu raw lir-raġel jersaq qrib il-basket tagħha fejn kellha l-affarijiet personali.
Ingħad li, wara li dan poġġa bil-qegħda ftit ’il bogħod mill-basket, qam bil-wieqfa, waqt li kisser flixkun tal-ħġieġ mal-blat. Kien hawn li l-vittma qalet lis-sieħeb tagħha li r-raġel kien se jisraqha u telgħet tiġri u ffaċċjat lir-raġel, li qalet kellu ħarsa tal-biża’.
Qalet li hi, minnufih, ukoll qabdet flixkun ieħor tal-ħġieġ. Minn dak il-ħin ’il quddiem, il-vittma qalet li tiftakar biss li kienet qed tiġi aggredita b’daqqiet ta’ flixkun u, wara, lis-sieħeb tagħha jitlobha biex ma torqodx, waqt li bdiet tiġi quddiem għajnejha t-tarbija tagħha.
Testijiet mediċi kkonfermaw li l-mara tilfet ħafna demm u kien hemm bżonn ta’ intervent mediku minħabba li d-demm niżlilha wkoll fil-pulmun, waqt li l-ġrieħi li ġarrbet fuq in-naħa tal-lemin ta’ żaqqha ma dehrux li kienu riżultat ta’ daqqiet bi flixkun tal ħġieġ.
Fi tmiem ix-xhieda, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li hemm biżżejjed provi biex il-Kolumbjan jgħaddi ġuri.
L-Avukat Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Shawn Pawney mexxew il-Prosezzjoni, filwaqt li Mark Busuttil kien qed jidher għall-akkużat, bħala Avukat tal-Għajnuna Legali.
Il-każ ġie aġġornat.
Kitba: Aymen Grech Pace