Il-Partit Laburista tenna li l-ipokrezija tal-Oppożizzjoni m’għandhiex limitu.
Dan hekk, kif il-Partit ta’ Bernard Grech infexx f’attakk ieħor insensat, din id-darba, kontra nies professjonali, li għażlu li jagħtu servizz lill-pajjiż f’entità importanti, li tiġbed investimenti ta’ kwalità u toħloq opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li, skont il-Partit Nazzjonalista ssir ħażin, jekk tagħti servizz lill-pajjiż immexxi minn Gvern Laburista.
Ingħad kif il-Kap tal-Oppożizzjoni hu komdu jattakka professjonist, li qatt ma kellu x’jaqsam mal-politika, imma mbagħad jimmuta quddiem il-fatt li d-Deputat tiegħu Adrian Delia jrid li l-pajjiż jħallas kważi €200 miljun aktar lill-klijent li qed jirrappreżenta fuq tender.
Tenna li tali attakki partiġġjani ta’ politika rħisa juru kif fil-Partit ta’ Bernard Grech baqa’ ma nbidel xejn.