Aron Gatt, President tal-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tal-Vetturi Żgħar għall-Passiġġieri, l-LPOA, tenna li pajjiżna għandu wisq vetturi tal-Y Plates joperaw fis-settur, bil-konsegwenza li teżisti kompetizzjoni żejda li qed tagħmel ħsara lil operaturi oħrajn indipendenti.
Waqt li, f’kummenti lil ONE News, wera t-tħassib tiegħu f’dan ir-rigward, Gatt tenna l-qbil mal-miżura tal-Gvern, li fl-aħħar ġimgħat intervjena u waqqaf l-approvazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal iżjed sewwieqa, inkluż minn pajjiżi terzi.
L-istess miżura, ibbażata fuq studju tal-aġenzija governattiva JobsPlus, bdiet tapplika wkoll għal applikazzjonijiet biex ikun hawn iżjed ħaddiema li jqassmu l-ikel ma’ kumpaniji bħala food couriers.
Kien il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li, waqt attività politika f’Birżebbuġa, ħabbar li ma kinux se jibqgħu jiġu aċċettati tali applikazzjonijiet wara li l-istħarriġ ta’ JobsPlus wera li hawn aktar minn biżżejjed impjegati fiż-żewġ setturi.
Dan irriżulta wara li ħaddiema tal-Bolt Food strajkjaw biex jipprotestaw kontra t-tnaqqis fid-dħul finanzjarju tagħhom mill-kumpanija li tingaġġahom, xi ħaġa li wkoll wasslet għal investigazzjoni mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.
Issa l-President tal-Light Passenger Operators Association ukoll esprima t-tħassib tiegħu ma’ ONE News dwar is-sitwazzjoni li kienet żviluppat bil-vetturi Y Plates fostna.
Gatt tenna li l-ammont kbir ta’ vetturi simili fit-toroq qed joħloq suq mifqugħ iżżejjed u kompetizzjoni intensa li qed toħloq ħsara lil sewwieqa indipendenti.
“Kienet miżura konna ilna nistennewha żmien, għax ovvjament is-settur f’dawn l-aħħar snin ra influss kbir ta’ karozzi, li kienu qegħdin jagħmlu ħsara lis-settur. Qsamniha mal-Ministru tat-Trasport u mal-Prim Ministru, li raw li hemm problema u l-affarijiet mhux ċari u inidirizzawha.”
Gatt kompla jenfasizza li, bl-isfidi finanzjarji li qed jiffaċċjaw is-sewwieqa minħabba prezzijiet baxxi u spejjeż operattivi għoljin, qed jagħmluha diffiċli biex is-sidien iżommu n-negozji tagħhom. Hu talab lill-Gvern billi jintroduċi aktar regolamenti ġodda biex jipproteġi lill-operaturi ż-żgħar u jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni aktar ġusta fis-suq.
Kif diġà indikat mill-Prim Ministru, il-Gvern qed jikkunsidra miżuri oħrajn biex jindirizza tali problemi, li jista’ jkun hemm, inkluż ir-reviżjoni tar-regolamenti biex tiġi żgurata aktar ġustizzja u sostenibbiltà fis-suq.
Minbarra hekk, jinstabu soluzzjonijiet oħrajn li joħolqu bilanċ u jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd, inkluż l-operaturi ż-żgħar.