Lorenzo Vella, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, se jkun qed jingħata l-aħħar tislima il-Ħamis li ġej fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid fl-għaxra ta’ filgħodu.
Dan wara li nhar il-Ħadd 18 ta’ Awwissu tħabbret il-mewt tiegħu fl-età ta’ 43 sena.
Vella, miet wara li ħakmu kanċer terminali u ħalla jibkuh lil martu Cheryl u liż-żewġ uliedu.
Fuq il-midja soċjali, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta qalet li wara l-funeral, Lorenzo Vella se jkun qed jiġi kkremat.
Intqal ukoll li l-familja tiegħu qed titlob lil dawk li jixtiequ jattendu biex minflok fjuri jagħtu donazzjoni lill-Fondazzjoni Karl Vella u lill-Malta Community Chest Fund. Hija talbet ukoll li n- nies jilbsu ħwejjeġ ikkuluriti, rifless tal-pożittivita li kien iħaddan.
Fost dawk li sellmulu kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela li qal kif huwa “imnikket bit-telfa ta’ Lorenzo, li ta servizz impekkabbli lil pajjiżna u f’żgħożitu fil-Partit Laburista.”