Filmati fuq il-midja soċjali wrew waħda mill-aktar bajjiet popolari Taljani, dik ta’ Rimini, imbattla kompletament min-nies, aktarx għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, għajr għaż-żmien tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-bajja famuża anke f’diversi films, is-soltu tkun ippakkjata sew f’dan il-perjodu tas-sena mhux biss mit-Taljani minn kull rokna tal-pajjiż minħabba l-vaganzi ta’ Ferragosto, iżda wkoll mit-turisti.
Il-persuna, li xerrdet il-filmat fuq il-midja soċjali, staqsiet x’qed jiġri f’din il-parti daqshekk rinomata fl-eqqel tas-sajf, bil-bajjiet battala u lanqas żagħżugħ ma jidher, waqt li l-postijiet tad-divertiment qed jispiċċaw iżarmaw f’nofsillejl.
Għalkemm ir-raġuni għal dan il-fenomenu partikolari mhix stabbilita, hu fatt magħruf kif il-pajjiż għaddej minn problemi serji finanzjarji, waqt li iżjed Taljani aktar qed jippreferu li jsiefru, inkluż f’pajjiżna.
Dan mhux l-inqas minħabba li l-ivvjaġġar minn parti għall-oħra fil-pajjiż stess sar prattikament impossibbli, speċjalment bil-prezzijiet tal-fjuwils m’għola s-smewwiet.