Hekk kif ix-xhur sajfin qed joqorbu lejn tmiemhom u ħalbiet tax-xita jkunu aktar minn mistennija, ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi komplew għaddejjin bil-ħidma staġjonali b’manutenzjoni u tindif fuq għadd ta’ ġibjuni biex ikunu mħejjijin jilqgħu għall-ilma, li ma jinħeliex, u jkun jista’ jintuża fit-tisqija tar-raba.
Fil-preżenza tas-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius, u l-Viċi-Sindku, Raymond Caruana, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, żaru x-xogħol li għaddej bħalissa fuq il-ġibjun fiż-żona ta’ San Klement.
Il-Perit Mario Ellul, li qed jieħu ħsieb dan il-proġett, spjega kif, il-ġibjun, li jesa’ madwar 2,500 metru kubu ta’ ilma, qegħdin isirulu xogħlijiet ta’ tindif mill-ħama u ħmieġ ieħor li jkun laħaq inġema’ maż-żmien.
Semma li sar il-kisi mill-ġdid tal-ħitan fuq ġewwa b’materjal apposta, wara li jitneħħa dak qadim, ħalli l-ġibjun ma jitlifx mill-ilma.
“Issa jonqos ukoll li jinżebagħ kollu b’taħlita ta’ ramel u siment u sealer kif ukoll tindif, ftuħ ta’ fili li għandna fl-art għax l-art hi tal-konkos, imbagħad jingħataw il-qatran ħalli kemm jista’ jkun dan il-ġibjun ma jitlifx ilma.”
Waqt li semma l-importanza li jkollna infrastruttura, li tħaddan prinċipji sostenibbli għal-ħażna tal-ilma, inkluż bħala għajnuna lill-bdiewa fl-irrigazzjoni, il-Ministru Bonett faħħar il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu, inkluż tax-Xogħlijiet Pubbliċi u minn Infrastructure Malta anke f’tindif ta’ katusi u spralli fit-toroq ewlenin madwar Malta.
“Aħna rridu naraw, bħala Gvern u mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, biex nagħmlu x-xogħlijiet neċessarji ħalli l-ħażna tal-ilma issir. Hawnhekk fil-Ġibjun ta’ San Klement fiż-Żejtun, wieħed mill-ġibjuni li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jagħmel biex jara li sakemm jibda dak l-istaġun jibda jkun hemm dik il-ħażna tant importanti ta’ ilma. Ovvjament dan jikkumplimenta wkoll ix-xogħol li qed isir fil-culverts, dak minn Infrastructure Malta biex jara li nkunu lesti ħalli meta jibda l-istaġun tax-xita jkollna l-inqas inkonvenjent possibbli.”
Hu fakkar kif dan ukoll jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ xi għargħar, filwaqt jsir l-aħjar użu mill-ilma tax-xita.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega kif anke x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-ġibjuni huma ta’ importanza kbira biex l-ilma tax-xita jkun jista’ jinġabar bl-aħjar mod possibbli, bla xkiel.