Waqt li fl-aħħar jiem ġie konkluż l-iffilmjar fostna ta’ bosta xeni ewlenin għall-blockbuster ta’ Hollywood, ‘Jurassic World 4’, jidher ċar li pajjiżna ma gawdiex biss direttament mill-investiment barrani li dan ġab miegħu fl-industrija ċinematografika lokali, iżda wkoll permezz ta’ setturi u servizzi oħrajn anċillari.
Dan, fl-istess ħin, li l-atturi protagonisti tiegħu – bħall-istilla Scarlett Johannson – kienu qed japprezzaw is-sbuħija ta’ pajjiżna u jiddevertu fostna.
L-aħħar wieħed li ħareġ bħala parti mis-sequel, ‘Jurassic World Dominion’, li kien fiċ-ċinema fl-2022, isemmi b’mod speċifiku lil pajjiżna, waqt li għadd ta’ postijiet, bħal Pjazza San Ġorġ, fil-Belt, jisirqu x-xena fih.
Din is-serje avventuruża, iddominata minn diversi speċi ta’ dinosawri li joħolqu kaos għall-umanità, baqgħet tikseb suċċess fenomenali.
Issa r-raba’ wieħed fis-serje, li għad m’għandux isem speċifiku, għandu direzzjoni ta’ Gareth Edwards u mistenni joħroġ għall-pubbliku f’Lulju tas-sena d-dieħla. Bħal ta’ qablu, dan ukoll mistenni jesponi partijiet prominenti ta’ Malta, b’xeni miġbudin fit-toroq storiċi tal-Belt Valletta u l-Birgu, kif ukoll mal-kosta ta’ Pembroke, minbarra dawk li nġibdu fil-faċilitajiet tal-Malta Film Studios.
Bis-sehem ta’ madwar 550 membru tal-ekwipaġġ, fil-maġġoranza Maltin, l-attività hawnhekk kienet qawwija, kif kien evidenti bl-għadd ta’ vetturi u karavans ipparkjati ħdejn il-faċilitajiet illum famużi fil-Kalkara.
ONE News hu informat li l-filming, li beda f’nofs Lulju, intemm nhar il-Ġimgħa li għadda.
Sadanittant, kif jixhdu għadd ta’ mezzi soċjali, l-atturi rinomati fid-dinja tal-ispettaklu, Scarlett Johanasson, Manuel Garcia-Rulfo, Rupert Friend, Jonathan Bailey u Mahershala Ali, li kienu fostna bħala parti mill-cast ta’ dan il-film, kellhom l-opportunità li jgawdu dak kollu li toffri Malta.
Dan anke waqt li numru ta’ negozji lokali tellgħu ritratti jippożaw magħhom. Dawn inkludew minn ħaddiema f’restoranti, ħanut tad-deheb u ieħor tal-ħelu, għal akkademja sportiva fil-Marsa Sports Club.
B’hekk, kif inhu ntiż ukoll minn din l-industrija, li qabdet sew fl-aħħar snin f’pajjiżna, magħha jgawdu wkoll negozji Maltin u Għawdxin, li wkoll irendu qatigħ għall-ekonomija nazzjonali.