Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, ħabbar li l-problema taż-żejt, li fl-aħħar jiem kien instab fir-ramel tal-Bajja popolari ta’ Ħondoq ir-Rummien, tant li ġabu jwaħħal ħafna u bilkemm kien jitneħħa minn fuq l-għawwiema, issa ġiet solvuta wara interventi imposti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA.
Iż-żejt, li ġie rrapportat u investigat mill-istess awtorità aktar kmieni dan ix-xahar, jirriżulta li kien ir-riżultat ta’ ħruġ ta’ materjal mill-fish farms f’ibħra miftuħa ’l barra minn San Pawl il-Baħar.
Waqt li, għall-ewwel iż-żejt ħoloq inkonvenjent fil-baħar tal-bajja, li tnaddaf minnufih, wara nstab li anke r-ramel taħt wiċċ l-ilma kien ġie affettwat, fl-ewwel każ tax-xorta tiegħu. Dan wassal għal rapporti minn persuni fiż-żona, li qalu li appena tniżżel saqajk fil-baħar, ir-ramel kien qed iwaħħal ħafna qisu kolla.
Xi ħaġa li ġiet ivverifikata mis-Sindku tal-Qala, li taħtu taqa’ din il-bajja.
Wara messaġġi oħrajn fl-aħħar jiem dwar it-tniġġis, il-Ħadd fuq Facebook, is-Sindku rringrazzja għall-kollaborazzjoni li kien hemm bejn il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, l-ERA u l-federazzjoni, li tirrappreżenta l-fish farms, li ħadet ir-responsabbiltà u solviet din il-problema.
Is-sindku xandar vidjow ta’ ħaddiema fejn jidher li r-ramel tnaddaf u reġa’ lura għall-istat naturali tiegħu biex tkun tista’ terġa’ titgawda bl-aħjar mod mill-pubbliku, bħal dejjem.