Bħas-snin preċedenti, il-ġimgħa ta’ Santa Marija rriżultat waħda ferm impenjattiva mil-lat turistiku għal Għawdex, tant li bejn it-12 u t-18 ta’ dan ix-xahar, il-kumpanija Gozo Channel wettqet xejn inqas minn 700 vjaġġ bl-erba’ vapuri tagħha, li ħadmu b’mod kontinwu u anke bla skeda biex jilqgħu għad-domanda kbira li kien hemm.
Stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar qalet il-Gozo Channel ġarret kważi mija u sitta u tletin elf passiġġier flimkien ma’ ftit inqas minn sebgħa u erbgħin elf vettura.
Ingħad li l-ammonti huma ħafna simili ta’ dawk li l-kumpanija kienet ġarret fl-istess perjodu s-sena l-oħra.
Fl-istess ġimgħa, il-kumpanija tal-fast ferry, il-Gozo Highspeed, operat mal-220 vjaġġ ieħor u ġarret aktar minn tmienja u għoxrin elf u ħames mitt passiġġier bejn il-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr u lura.
F’kummenti dwar dawn ir-riżultati, il-Ministru Clint Camilleri qal li, għal darb’oħra, din il-ġimgħa partikolari laħqet l-aspettattivi tal-operaturi turistiċi fil-gżira Għawdxija, b’kummenti pożittivi ħafna dwar full capacity f’dan iż-żmien meqjus bħala l-aqwa tas-sajf.
Hu sostna wkoll li riżultati bħal dawn huma xhieda li l-ħidma li qed iwettaq il-Gvern qed tħalli l-frott u Għawdex qed jattira lejh ammont qawwi ta’ turiżmu intern u internazzjonali.
Dan ukoll permezz ta’ għażla wiesa’ ta’ attivitajiet, li jiġu organizzati speċifikament f’Għawdex, li jikkumplimentaw il-ġmiel naturali tal-“Gżira tat-Tliet Għoljiet”.