L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA tgħid li se tkun qed tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa b’rabta mar-roqgħa ta’ slime li ġiet irraportata fl-aħħar jiem f’Ħondoq ir-Rummien.
Permezz ta’ stqarrija s-Sibt waranofsinhar, l-Awtorità qalet kif qed tagħmel spezzjonijiet ta’ monitoraġġ fl-ibħra u l-bajjiet Maltin biex dawn ikunu mħarsa u protteti skont il-liġijiet ambjentali.
Hawn spjegat kif l-Awtorità qed tagħmel dan b’mod partikolari fil-każ ta’ Ħondoq, bajja li saħansitra għandha l-Blue Flag, fejn ikkordinat ħidma ta’ tindif b’konsultazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex u l-Kunsill Lokali tal-Qala.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem fost dawk li appellaw biex tittieħed azzjoni dwar dan il-każ kien hemm is-Sindku tal-Qala, Pawlu Buttigieg, li permezz ta’ filmat fuq il-midja soċjali wera dak li kien hemm fil-bajja, li ħoloq inkonvenjent għal dawk li żaru l-bajja minn barra l-ħsara ambjentali.
Intqal kif il-Federazzjoni tal-Fish Farmers ġiet identidikata bħala responsabbli tal-islime li ġie rrappurtat u b’hekk tqabbdet tiġbru u tnaddaf l-ammont ta’ żjut li ċappas ir-ramel tal-bajja.
Dan kollu sar taħt is-sorveljanza ta’ uffiċjali tal-istess Awtorità.
Barra minn hekk, l-ERA stqarret li qed tikkunsidra wkoll azzjoni permezz ta’ multi amministattivi fuq l-operat tal-fish farm fuq il-ksur ta’ kundizzjonijiet tal-permess ambjentali, li huma intiżi biex jillimitaw il-ħsara ambjentali.
Fl-istqarrija, l-ERA temmet tħeġġeġ lill-pubbliku biex jiġbed l-attenzjoni tagħha u jirrapporta kontaminazzjonijiet permezz tat-telefown fuq 22923500, biex tkun tista’ tittieħed kull azzjoni li tkun meħtieġa. L-Awtorità nnutat ukoll kif dawn l-azzjonijiet jittieħdu għal kull każ li hi tinvestiga.