Il-Klinika Legali tal-Università se tibda tgħin lil refuġjati f’pajjiżna b’servizzi b’xejn, f’każ li jkollhom bżonn jew ma jkollhomx il-mezzi biex jieħdu pariri legali professjonali.
Dan se jseħħ hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn l-Università, l-Uffiċċju Malti tal-Kummissjoni Għolja għar-Refġjuti tal-Ġnus Magħquda u l-Klinika Legali tal-Università.
Il-Professur David Zammit, li jieħu ħsieb din il-Klinika Legali, spjega kif dan il-ftehim se jkun qed jgħin aktar lill-istudenti fil-prattika tagħhom.
Qal, “Insiru nafu aktar dwar x’tip ta’ problemi legali l-iktar ikunu qed jinħolqu. Ovvjament, qed nitkellmu fuq UNHCR, jiġifieri qed ngħidu problemi l-iktar li għandhom x’jaqsmu mal-liġi tar-refuġjati. Però hemm ħafna problemi li jsorġu bejn il-liġi tar-refuġjati u l-policies li, bis-saħħa tagħhom, jiġu implikati.”
Il-Professur Zammit saħaq li, b’dan il-ftehim, l-istudenti għandhom opportunità jistudjaw deċiżjonijiet għaliex persuni jkunu ngħataw l-istatus ta’ refuġjati f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li, minbarra li se tingħata aktar esperjenza lill-istudenti, dan il-ftehim se jgħin ukoll lill-komunità inġenerali.
Qal, “Aħna nużaw din il-possibilità li ngħinu lil dan is-saff ta’ nies fil-bżonn u fl-istess ħin qegħdin nużawhom anke biex jitgħallmu l-istudenti tagħna li qegħdin ifittxu eventwalment il-professjoni legali. Hi mezz eċċellenti fejn l-Università, mhux biss tgħallem u tagħmel ir-riċerka, imma wkoll tgħin soċjalment lill-pajjiż.”