F’pajjiżna għadu ma ġie rreġistrat l-ebda każ tal-Monkeypox, u fl-istess ħin m’hawn l-ebda lok għall-allarm f’dan ir-rigward.
Dan skont informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon minn kelliema għas-saħħa f’pajjiżna, li kkonfermaw ukoll li t-Tnejn, se tkun qed issir laqgħa ta’ koordinament dwar dan.
ONE NEWS jista’ jiżvela wkoll kif fl-Isptar Mater Dei, fosthom fid-Dipartiment tal-Emerġenza, qed jittieħdu diversi prekawzjonijiet sabiex pajjiżna jkun lest għal dak li jista’ jinqala’.
Sadanittant, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, wettqu risk assessment, fejn ħareġ li minkejja li fl-Ewropa jista’ jkun jidħlu xi każi, il-probabilità li din tinxtered fl-Ewropa, hija baxxa.
Il-Monkeypox, hija marda li twassal fost l-oħrajn, għal raxx jew leżjonijiet fuq il-ġilda, li jdumu bejn ġimagħtejn u erbgħa ġimgħat, kif ukoll deni, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli, u fid-dahar, u nuqqas ta’ enerġija.
Din il-marda tista’ tiġi trażmessa permezz ta’ kuntatt fiżiku ma’ persuni li jkollhom din il-marda, partikolarment waqt attività sesswali, kuntatt ma’ materjali ikkontaminat, jew ma’ annimali li jkollhom din il-marda.
Fil-fatt, il-vaċċin approvat għall-ismall pox, diġà qed tintuża għall-monkeypox, f’ċerti ċirkostanzi partikolari.
Sabiex jiġi evitat l-mpox, wieħed għandu jevita kuntatt ma’ dawk li għandhom din il-marda.
Din il-marda, għall-kuntrarju tal-Covid-19, ma tinxteridx mill-arja.
B’rabta mal-pixxini, jidher li l-ilma bil-klorin, joqtol dan it-tip ta’ virus.