Il-Gvern qed isegwi mill-qrib il-każ ta’ Daniel Joe Meli, li tilef l-appell, b’rabta mal-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, il-Gvern qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi f’dan il-każ.
Meli, jinsab mixli b’reati relatati mal-użu ħażin tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-internet. Iż-żagħżugħ kien inqabad wara li l-Pulizija wettqet operazzjoni, li fiha assistiet investigazzjoni tal-FBI, fl-Istati Uniti, b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-‘dark web’, kif ukoll b’rabta ma’ servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ ‘Hack Forum’.
F’din l-istqarrija ntqal li filwaqt li huwa essenzjali li jiġi rispettat bla riservi l-proċess ġudizzjarju, li bħalissa jinsab fi stadju ta’ Appell Kostituzzjonali, il-Gvern qed jieħu inkonsiderazzjoni s-sentenzi diġà mogħtija mill-Qrati Maltin, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet dwar saħħet Meli, meta wieħed iqis in-natura unika u l-kumplessitajiet legali tas-sitwazzjoni.