L-istat ekonomiku ta’ New Zealand qiegħed iwassal biex eluf ta’ persuni qegħdin jitilqu mill-pajjiż u jsibu futur, fost oħrajn fl-Awstralja.
B’dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Gvern ta’ New Zealand stess u li ġiet irrapportata mis-sit tal-aħbarijiet Amerikan CNBC.
Minn din l-istatistika ħareġ li fi żmien sena, minn Ġunju tas-sena l-oħra sa Ġunju ta’ din is-sena, kienu mija wieħed u tletin elf u mitejn (131,200) persuna li ħallew il-pajjiż.
Dan huwa rekord f’perjodu ta’ sena, b’madwar terz minn dawk li ħallew New Zealand marru fil-pajjiż ġar, dak tal-Awstralja.
Bħalissa New Zealand qiegħed jiffaċċja diversi problemi ekonomiċi hekk kif il-qgħad qiegħed jiżdied, l-interessi u l-inflazzjoni baqgħu għoljin sew, filwaqt li tkabbir ekonomiku fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, kien wieħed minimu.
Dawn il-karatteristiċi wasslu biex il-migrazzjoni minn New Zealand kważi tlaħħaq id-doppju ta’ dik li kienet qabel il-pandemija globali.
Apparti minn hekk, l-effetti ekonomiċi qegħdin iwasslu biex anki dawk li kienu qegħdin jaħsbu biex jemigraw ukoll qegħdin jonqsu.
Diversi ekonomisti qegħdin jattribwixxu dan kollu għall-għoli tal-ħajja flimkien ma’ nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol. Fil-fatt, dan wassal biex il-Bank Ċentrali ta’ dan il-pajjiż għolla r-rati tal-interessi, għall-għola rati sa mill-elf disgħa mija disgħa u disgħin (1999).
Dan wassal biex ir-rata annwali ta’ tkabbir ekonomiku fl-ewwel kwart tas-sena kien ta’ zero punt tnejn fil-mija, bil-qgħad jiżdied b’erbgħa punt sebgħa fil-mija fit-tieni kwart tas-sena. L-inflazzjoni kienet ta’ tammonta għal tlieta punt tlieta fil-mija.
Fattur ieħor għal dan kollu huwa l-fatt li l-Awstralja qed toffri pakketti ta’ rilokazzjoni għal persuni li jaħdmu f’ċertu oqsma bħas-saħħa, l-infurzar u l-edukazzjoni fejn hemm nuqqas ta’ ħaddiema. B’hekk huma eluf ta’ persuni minn New Zealand li qegħdin jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità hekk kif l-applikanti m’għandhomx bżonn visas biex jaħdmu f’dawn l-oqsma.