Id-Deputat President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Philip Fenech, tenna li, waqt li l-industrija turistika f’pajjiżna tiddependi minn taħlita ta’ setturi u faxex ta’ età, l-avvenimenti l-kbar u oħrajn immirati lejn iż-żgħażagħ huma kruċjali wkoll għall-ekonomija ta’ pajjiżna, mhux l-inqas bħalissa fejn nesperjenzaw l-ogħla numri li jagħżlu li jżuruna.
B’reazzjoni għal dikjarazzjoni qabel minn Tony Zahra, President tal-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Restoranti, l-MHRA, li qal li l-lukandi ta’ ħames stilel mhux jirreġistraw l-istess bookings bħal oħrajn bi klassifikazzjoni iżgħar, Fenech qal li l-parti tal-kunċerti fl-industrija kollha tieħu biss mas-sitt ġimgħat mis-sena kollha fis-sajf, iżda trendi ħafna wkoll fid-dħul ekonomiku nazzjonali.
Hu ġab eżempju bil-Festival Glitch, li jingħad se jattira mal-14,000 żagħżugħ minn barra li mistennija jħallu mal-ħmistax-il miljun fl-ekonomija waħedhom.
Fenech tenna li, għalkemm dawn mhumiex meqjusin bħala turisti tal-lukandi 5-star, il-kontribut li qed jagħtu fl-ekonomija l-kunċerti f’pajjiżna hu estremament sostanzjali wkoll.
Għall-argument li l-lukandi ta’ lussu qed jirrapportaw inqas konkorrenza jew li s-suq lokali baqa’ ma evolviex, Fenech semma kif illum l-industrija għandha taħlita vasta u l-isfida hi kif se jiġu mmaniġġjati bl-aħjar mod. Hu saħaq ukoll li l-lukandi ta’ ħames stilel illum qed jilħqu l-aktar bookings tagħhom ukoll fix-xhur tax-xitwa, aktar milli s-sajf.
Xi ħaġa li sa ftit tas-snin ilu lanqas biss kellna turiżmu f’dawk deskritti bħala “shoulder months”, tant li l-lukandi kienu jfallu jew jagħlqu għal numru ta’ xhur biex jagħmlu l-manutenzjoni jew jirrinovaw.