Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanita Attiva Jo Etienne Abela inawgura ċentru ta’ servizzi tas-saħħa, speċjalizzat għat-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ fir-Rabat, Għawdex.
Permezz ta’ dan iċ-ċentru ġdid, li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-gżira Għawdxija, mat-300 persuna u l-familji tagħhom se jgawdu minn numru ta’ servizzi li jiġu offruti fit-taqsima tas-CDAU u CYPS, bħal occupational therapy, fiżjoterapija, patoloġija tal-lingwa tat-taħdit, psikjatrija, dental hygienist, pedjatrija tal-komunità u terapija tal-familja.
F’kummenti li ta għall-okkażjoni, il-Ministru spjega li dan kien bżonn kbir għal Għawdex, hekk kif il-post ukoll qrib l-Isptar Ġenerali Għawdxi.
Qal, “Kien bix-xieraq li f’Għawdex nieħdu ħsieb li jkollna faċilità moderna, faċilità li tista’ tipprovdi servizz modern u ħolistiku. Il-faċilità inzertat li hi qrib ħafna tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li, kif jaf kulħadd, aħna għandna viżjoni li niżviluppawh għat-tul.”