Il-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali ttrasforma ruħu biex jilqa’ wieħed mill-akbar avvenimenti għal dan is-sajf f’pajjiżna. Il-festival, tant mistenni minn ħafna, hu SummerDaze, li se jkun mifrux fuq erbat ijiem bejn il-Ħamis ta’ Santa Marija u l-Ħadd li ġej.
Fl-ewwel jum tiegħu dan se jinkludi bosta ikoni tal-mużika, fosthom l-artist ta’ fama dinjija Sam Smith, li inkluda l-festival bħala parti mill-Gloria Blackout Tour tiegħu.
Minbarra hekk, se jkun hawn fostna wkoll Becky Hill u Charlie Hedges, flimkien mal-artist lokali Shaun Farrugia, fost oħrajn.
Jum qabel il-ftuħ tal-festival, żorna l-aħħar tħejjijiet li qed isiru b’palk meraviljuż li se jilqa’ dawn il-jiem ta’ briju u divertiment.
Iċ-Chairman tal-Park Nazzjonali, Jason Micallef, sostna li r-riġenerazzjoni, li skattat tliet snin ilu f’Ta’ Qali, issa qed joħroġ il-frott tagħha. Hu tenna li l-Gvern u l-entitajiet konċernati qed jaħdmu flimkien b’sinerġija biex kulħadd ikun jista’ jgawdi dan il-post bl-aqwa mod.
Qal, “Qegħdin nagħtu sinjal sabiħ ħafna li dak kollu li qegħdin nagħmlu mhux biss ikun sigur għas-saħħa tan-nies, imma wkoll dak li jkun li jiġi jkollu garanzija li jieħu pjaċir, jiġifieri l-mod kif aħna qegħdin nimxu mal-immaniġjar tat-traffiku, mal-aċċessibilità, mal-affarijiet sanitarji hawnhekk f’Ta Qali, jagħmlu park nazzjonali ta’ veru għall-familji Maltin u Għawdxin kollha, imma wkoll bħala venue importanti ħafna biex nilqgħu dawn l-artisti ta’ fama internazzjonali kbira f’Ta’ Qali.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, stqarr li dan l-avveniment qed jolqot turisti ta’ kwalità, strateġija li dan il-Gvern ilu jaħdem fuqha għal numru ta’ snin.
Qal, “Naraw li t-turist li jiġi qed isegwi l-kwalità u fl-istess waqt nattiraw turist ta’ kwalità ogħla mis-snin li għaddew. Mhemmx dubju li dan qed jirnexxielna niksbuh hekk kif l-istrateġija tagħna għal dawn l-għaxar snin qed twassalna biex nibdlu l-profile tat-turist, filwaqt li jkollna diversi niċeċ ta’ turiżmu li kapaċi jżommilna t-turiżmu, b’mod sostenibbli matul is-sena kollha.”