Cruiseliner ieħor, b’eluf ta’ turisti għal pajjiżna, fl-aħħar jiem tqabbad ukoll mas-sistema tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir.
Għaldaqstant il-cruiseliner ‘Meinschiff 2’, waqt li qed juża l-proġett multi-miljunarju, magħruf ukoll bħala Onshore Power Supply u ffinanzjat ukoll minn fondi Ewropej, seta’ jitfi l-magni u l-generators tiegħu u jieħu l-provvista tal-elettriku mix-xatt waqt li jkun wieqaf f’Malta.
Il-proġett, li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela xahar ilu, qed iwassal għal tnaqqis ta’ disgħin fil-mija tat-tniġġis minn dawn il-bastimenti enormi, b’titjib konsiderevoli fil-kwalità tal-ajra għal madwar 17,000 familja li jgħixu mad-dawra tal-port.
Il-proċess biex bastimenti jaqbdu max-shore-to-ship hu wieħed tekniku u intensiv, u l-fatt li issa kien hemm it-tieni cruiseliner li tqabbad mas-sistema, jikkonferma l-professjonalità fl-impenn ta’ Malta li timxi lejn it-tranżizzjoni lokali favur ambjent aħjar.
Kelliem għall-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi qal lil ONE News li pajjiżna qed ikompli jaħdem qatigħ b’għaqal biex jilħaq il-miri ambjentali li għandu pajjiżna, waqt li nnota s-sodisfazzjon li l-qasam marittimu qed ikompli jippreferi lil pajjiżna.
Il-proġett tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir, li hu fost tal-ewwel tax-xorta tiegħu fil-Mediterran, sar b’investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro, inkluż b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Minbarra dan, għaddejjin xogħlijiet ukoll fuq proġett simili fil-Port Ħieles, li miegħu se jkunu jistgħu jitqabbdu bastimenti tal-merkanzija fiż-żmien li ġej.
ONE News jinsab informat ukoll li l-kumpanija internazzjonali TUi, li topera vapuri simili, għażlet li tagħmel il-kummissjonar tal-‘Meinschiff 2’ proprju f’pajjiżna. F’dan il-każ, vapur jiġi evalwat minn esperti Maltin biex iġib l-klassi u allura jkun eliġibbli għaċ-ċertifikazzjoni fil-proċess ta’ Harbour Acceptance Test.