Grupp ta’ voluntieri tas-St John Ambulance and Rescue Malta tejbu l-ħiliet tagħhom fit-tfittxija u s-salvataġġ f’żoni urbani permezz ta’ taħriġ mal-Merseyside Fire and Rescue Service. Tim ta’ disa’ voluntieri vvjaġġa lejn ir-Renju Unit għal programm intensiv li sar fl-akkademja ġdida tal-MF&RS f’Liverpool, fejn ħadu sehem f’taħriġ avvanzat.
Dan il-programm ta’ taħriġ iffoka fuq il-ħiliet importanti biex ikunu jistgħu jirrispondu jekk xi binja tal-kostruzzjoni taqa’, tfittxija tal-vittmi u l-assikurazzjoni u appoġġ ta’ strutturi instabbli. Dawn il-ħiliet huma importanti ħafna biex ikun hemm operazzjoni ta’ salvataġġ b’suċċess.
Din il-kollaborazzjoni bejn is-St John Ambulance and Rescue Malta u l-Merseyside Fire and Rescue Serivce tmur lura għal aktar minn 15-il sena fejn dan il-vjaġġ ta’ taħriġ wera l-impenn għas-sigurtà u s-servizz lejn il-komunità. Aktar tard din is-sena, tim minn Liverpool se jkun qed iżur pajjiżna.
Fi stqarrija, l-organizzazzjoni Maltija qalet li se tibqa’ impenjata li titgħallem u taħdem ma’ nies esperti madwar id-dinja.