L-aħbar tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi ta’ 48 sena fl-appartament tagħha fis-Swatar fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn, ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali, li rrapportat il-każ fid-dettal fl-aħħar sigħat.
Minħabba li l-każ involva wkoll lill-allegat qattiel tagħha, l-Irlandiż Edward William Johnston ta’ 50 sena, li wkoll kellu relazzjoni sa ftit xhur ilu magħha, il-midja Irlandiża l-aktar li tatu prominenza.
Johnston, li ammetta mal-Pulizija u tahom id-dettalji li wasslu biex jinstab il-katavru tal-Maltija, spiċċa nqatel hu mill-istess uffiċjali mal-kosta f’San Ġiljan, wara li, fi tliet sigħat sħaħ, baqa’ jirrifjuta li jċedi, waqt li beda jhedded b’dik li dehret arma tan-nar f’idejh.
Hekk kif l-aħbar bdiet tinfirex kmieni t-Tnejn filgħodu, fejn din l-istess kamra tal-aħbarijiet kienet minn tal-ewwel fis-Swatar, limiti ta’ Birkirkara, il-midja Irlandiża bdiet tirrapporta fuq il-każ ftit sigħat wara.
Ibbażat fuq rapporti lokali, il-midja internazzjonali tat deskrizzjoni ta’ dak li seħħ kemm lill-vittma Maltija, li nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina, kif ukoll lill-istess Johnston, li miet fl-Isptar Mater Dei wara tiri mill-Pulizija, anke jekk ingħata l-assistenza medika mill-ewwel fuq il-post.
L-Irish Times irrapportat li Johnston kien magħruf mal-Pulizija f’pajjiżu, b’każi li jmorru lura għal madwar erbatax-il sena ilu.
Ġie rrapportat ukoll, kif żvela t-Tnejn ONE News, li Johnston kien arrestat fl-Ingilterra fi Frar tal-2012 meta f’każ simili beda jxejjer arma finta f’Liverpool, waqt li kien xurban, u għal darb’oħra kien viċin li jlaqqat tiri mill-Pulizija.
Ġimgħa wara l-każ f’Liverpool, jirriżulta li Johnston kien daħal f’restorant ta’ ikel Taljan fi Glasgow, l-Iskozja, u beda jgħid li qed iġorr bomba. Kaġun ta’ dan, Glasgow spiċċat imbarrata bi preżenza qawwija ta’ pulizija u suldati.
F’negozjati mal-forzi tal-ordni, hu kien qal lill-Pulizija biex jisparawlu u joqtluh, iżda rnexxielhom irażżnuh u jarrestawh, bil-konsegwenza li, imbagħad, fil-Qorti ġie kkkundannat għal 28 xahar ħabs.
Fl-aħħar snin, anke permezz ta’ profili foloz fuq il-midja soċjali, Johnston kien daħal fis-suq tal-bejgħ tal-ishma onlajn. Profili simili kienu ntużaw ukoll biex jiffastidjaw lill-istess vittma Maltija, tant li kienet irrapportathom mat-taqsima tal-vjolenza domestika lokali, iżda xtaqet li ma jitkompliex il-proċess fil-każ.
Fuq dawn il-pjattaformi, Johnston kien itella’ ritratti tiegħu jippoża ma’ karozzi lussużi u lukandi extravaganti, waqt li f’vidjow partikolari jsostni li kien lest jirtira fl-Italja minħabba s-suċċess li, skontu, diġà kiseb f’ħajtu.