Ħdax-il persuna, tmien iriġiel u mara Maltin u raġel u mara Rumeni ġew arrestati dwar allegatament involviment f’ċirku ta’ kriminalità organizzata ta’ traffikar ta’ persuni.
Stqarrija mill-Pulizija qalet li dawn il-persuni ġew arrestati waqt operazzjoni minn diversi taqsimiet tal-Pulizija għall-ħabta tas-sitta tat-Tnejn filgħodu.
Dawn ir-rejds saru f’Birkirkara, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, il-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ u l-Isla.
Minn tfittxijiet illi saru fil-postijiet imsemmija, ġew elevati ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, kif ukoll diversi oġġetti ta’ valur.
Din l-operazzjoni saret wara numru ta’ ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni. Bl-operazzjon tmexxiet mill-Iskwadra tal-Vittmi Vulnerabbli u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji tal-Korp tal-Pulizija.
B’rabta ma’ dan il-każ qiegħda titmexxa inkjesta mill-Maġistrat Philip Galea Farrugia.
Il-persuni kollha qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.