Bħala parti mill-isforzi ta’ Athletics Malta biex tinvesti fl-atleti żgħażagħ u tappoġġja l-iżvilupp tagħhom fl-isport, anke fid-dawl tas-suċċess ta’ Tim Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, grupp ta’ 30 atleta ngħaqdu fl-ewwel Kamp ta’ Taħriġ f’Lignano Sabbiadoro fl-Italja.
Il-grupp jifforma parti mill-Youth Development Scheme li hija appoġġjata mill-Kumitat Olimpiku Malti. Din l-iskema twaqqfet aktar kmieni din is-sena, bl-atleti jintagħażlu fuq bażi tal-prestazzjonijiet tagħhom matul l-istaġun ta’ qabel.
Dan il-proġett twaqqaf b’ħidma kollettiva bejn id-Diretturi Tekniċi, Mario Bonello u Kevin Galea, flimkien mad-Direttur Tekniku barrani, il-Prof Antonio Laguardia.
Il-ħidma waqt dan il-kamp intensiv fl-Italja kienet iffukata fuq numru ta’ aspetti marbuta mal-iżvilupp atletiku, fosthom l-aspetti tekniċi, fiżiċi, psikoloġiċi u soċjo-emozzjonali tal-atleta. Hemmhekk saru numru ta’ sessjonijiet u laqgħat fil-grupp mal-atleti żgħażagħ biex tissaħħaħ ukoll is-sens ta’ għaqda fil-grupp.
Fit-taħriġ, tpoġġiet enfasi fuq il-mobilita’, it-teknika fil-ġiri u t-tfigħ, u saru wkoll numru ta’ testijiet xjentifiċi.
L-atleti Maltin kienu akkumpanjati mill-kowċis Matthew Croker, Luca Falzon, Tiziana Zammit u Brenda Muscat.
L-assoċjazzjoni se tkompli tinvesti aktar riżorsi fil-Youth Development Scheme bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u l-lista tal-atleti li jipparteċipaw tipi riveduta fl-aħħar ta’ kull sena.