Infetħu l-applikazzjonijiet għall-atleti Għawdxin biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-edizzjoni li jmiss tal-Island Games 2025, li se ssir f’Orkney, l-Iskozja, f’Lulju tas-sena d-dieħla.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, waqt li ngħataw dettalji dwar dan il-logħob, li jsir bejn atleti li ġejjin minn gżejjer minn madwar id-dinja.
Is-sena l-oħra, fl-ewwel okkażjoni fejn Għawdex ħa sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet, intrebħu erba’ midalji mill-atleti Maltin – waħda tad-deheb fl-isparar, tnejn tal-fidda fl-atletika u fl-isparar, u oħra tal-bronż fl-isparar ukoll.
“Is-sena l-oħra, proprju Għawdex ikkompeta għall-ewwel darba fl-International Island Games li ttellgħu f’Guernsey u kkompetejna ma’ erbgħa u għoxrin gżira minn madwar id-dinja u rrnexxielna niksbu l-ewwel erba’ midalji ukoll għall-gżira t’Għawdex. Issa qed niftħu l-applikazzjonijiet għal diversi atleti, diversi dixxiplini biex intellgħu kontinġent din id-darba f’Orkney is-sena d-dieħla. Għaldaqstant inħeġġeġ lil dawk kollha interessati, lil dawk kollha ta’ ħiliet, lil dawk kollha proprju li huma professjonali fid-dixxiplina tagħhom biex japplikaw u jiġu screened ovvjament biex nagħżlu, imbagħad, l-aqwa kontinġent ħalli nirrappreżentaw, għat-tieni darba, lill-gżira t’Għawdex f’dawn il-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-gżejjer.”
L-applikazzjonijiet għandhom jiddaħħlu onlajn fuq is-sit gozo.com.mt sa mhux aktar tard mis-6 ta’ Settembru li ġej.
Bord tal-għażla apposta se janalizza kull applikazzjoni u jara li l-atleti magħżulin jilħqu l-kriterji stabbiliti biex ikun assigurat proċess miftuħ u trasparenti.