Kif kien irrapportat diġà fl-aħħar jiem, għadd ta’ pajjiżi Ewropej għadhom qed jesperjenzaw il-qilla tal-mewġa ta’ sħana fiċ-ċentru tal-Mediterran, anke fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.
It-temperaturi, li jduru mal-40 grad Celsius, ma jidhirx li se jittaffew fil-jiem li ġejjin, waqt li l-awtoritajiet qed iwissu kontra ħinijiet twal fl-eqqel tax-xemx, partikolarment bejn il-11:00 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar.
Pajjiżi anke qrib tagħna, bħan-Nofsinhar tal-Italja qed jesperjenzaw l-agħar żminijiet tas-sajf, għalkemm din hi estiża wkoll għall-partijiet aktar ’il fuq tal-pajjiż, b’rapporti simili anke f’postijiet popolari għat-turisti, bħal Ruma u l-Vatikan.
Fi Franza, ir-residenti ta’ bliet, bħal Bordeaux, fi tmiem il-ġimgħa li għadda kienu mwissijin li t-teperatura kellha tilħaq it-43 grad Celsius, waqt li oħrajn kienu qed jilħqu l-istess temperatura ta’ 40 grad Celsius, bħal f’pajjiżi oħrajn.
Il-Ħadd, it-temperatura f’Pariġi wkoll telgħet madwar 35 grad Celsius waqt l-għeluq tal-Olimpjadi ta’ din is-sena.
Il-Greċja wkoll bħalissa tinsab maħkuma minn diversi nirien mifruxin u madwar 30,000 resident kellhom jiġu evakwati fl-aħħar jiem. il-kapitali Ateni wkoll qed tesperjenza l-aktar jiem tas-sħana fl-istorja tagħha.
Pajjiżna wkoll mhux eskluż minn din il-mewġa ta’ sħana qawwija u, wara li fi tmiem il-ġimgħa, it-temperatura nħasset sa 39 grad Celsius, qed jiġi rrapportat li din il-ġimgħa t-temperatura għandha tilħaq l-40 grad Celsius, inkluż fil-festa ta’ Santa Marija l-Ħamis li ġej.