“Il-lingwa Maltija bqajna nużawha minkejja li ġejna ngħixu u naħdmu f’pajjiż ieħor.” Hekk iddikjarat Lorraine Barbara Gill, Maltija li ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin tgħix l-Iskozja, pajjiż li fih hemm numru sabiħ ta’ Maltin u li llum il-ġurnata jammontaw għal madwar 250.
Ta’ sikwit il-komunità Maltija fl-Iskozja tiltaqa’ għal attivitajiet differenti u fl-istess ħin iżżomm ħajjin it-tradizzjonijiet tagħna, minkejja li jinsabu aktar minn elfejn mil ’il bogħod minn art twelidhom.
Lorianne, li hi attiva ferm fost il-komunità Maltija fl-Iskozja, iltqajna magħha fl-istudios tagħna fil-Marsa, fejn tenniet dwar l-importanza li, filwaqt il-maġġoranza jitkellmu l-Ingliż partikolarment minħabba x-xogħol, bejniethom jitkellmu bil-Malti.
“Il-biċċa l-kbira, kulħadd jibqa’ jitkellem bil-Malti. Jiena nenfasizza ħafna biex il-lingwa Maltija ma tintilifx. Sfortunatament meta tgħix f’pajjiż barrani hemm it-tendenza li titlef ċerti kliem u mhux biex inkunu snob, eżempju jien ir-raġel tiegħi Skoċċiż. Imma nenfasizza ħafna fuqha l-lingwa.”
Lorraine żiedet tgħid kif, fost il-komunità Maltija, hemm dawk li emigraw lejn l-Iskozja snin ilu u nnotat kif, minkejja li f’pajjiż barrani, il-Maltin bejniethom baqgħu jkunu ta’ spalla għal xulxin.
“Hemm min ilu snin twal, anke 2nd u 3rd generations hemm, nitkellmu ħafna, minn fejn ġejjin il-familji u anke eżempju nindunaw li ħdimna fl-istess postijiet tax-xogħol. Maqgħudin ħafna bħala Maltin u jekk ikollna bżonn xi ħaġa ngħinu lil xulxin.”
Hi qalet kif fuq Facebook inħoloq grupp fejn fuqu wieħed jista’ jara x’attivitajiet isiru għall-Maltin fl-Iskozja jew anke tintalab għajnuna u informazzjoni.
“Il-grupp jismu Maltese in Scotland, miftuħ għal kulħadd, min jixtieq jingħaqad f’dan il-grupp biex jaraw ċerti attivitajiet, li qed inkunu qed norganizzaw, jekk ikollhom bżonn informazzjoni biex jemigraw lejn l-Iskozja u dejjem nipprovaw ngħinu x’jistgħu jagħmlu b’ċerti viżas u niddireġuhom lejn is-sorsi u siti elettroniċi fejn insibu l-informazzjoni.”
Lorraine hi wkoll membru fuq il-Bord tal-Maltin li Jgħixu Barra, li hu mmexxi mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg.